Navigate Up
Sign In

Riabilitazzjoni tal-Arkivji Nutarili

L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiġu ttrasformati l-Arkivju Nutarili fil-fond nru 24, Triq San Kristofru, il-Belt u l-fond ta’ ħdejh nru 217, Triq San Pawl, il-Belt f’binja waħda, li se sservi ta’ ċentru ewlieni għall-investigazzjoni storika u xjentifika li se jkun kompletament aċċessibbli għall-komunita` tar-riċerkaturi lokali u internazzjonali. Il-ħsieb wara l-proġett huwa li jitwaqqaf lokal ewlieni u mill-aktar modern ta’ konservazzjoni li, apparti milli jindokra l-kollezzjoni ta’ volumi imprezzabbli li jinsabu fis-sit, iservi wkoll bħala istituzzjoni ta’ tagħlim u jaqdi l-bżonnijiet tas-settur privat, u b’hekk il-proġett ikun wieħed sostenibbli bis-sħiħ u fuq quddiem fil-qasam tal-priservazzjoni tal-wirt kulturali li jirrigwarda dokumenti. 

Fl-istess ħin, dan għandu jassikura li l-kollezzjoni għanja u unika ta’ dokumenti nutarili tkun ippriservata u mħarsa b’mod professjonali, effiċjenti u aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet ta’ riċerkaturi futuri u l-pubbliku b’mod ġenerali. Ħolistikament, dan għandu jikkontribwixxi għall-wirt marbut mal-Belt Ewropea tal-Kultura billi jwettaq u jġib ‘il quddiem l-eċċellenza fil-monitoraġġ, il-konservazzjoni u r-riċerka. 

Il-proġett huwa mmexxi min-Nutar Prinċipali tal-Gvern Dr Keith Francis German, bis-sostenn kontinwu tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, numru ta’ konsulenti esperti u d-Direttorat tar-Restawr.

 
Il-proġett jiffoka fuq it-temi li ġejjin:
Il-ħolqien ta’ link intern bejn nru 217, Triq San Pawl u nru 24, Triq San Kristofru sabiex b’hekk jingħata l-ispazju essenzjali sabiex iseħħ il-proġett;
 
Il-bdil tal-fond nru 217, Triq San Pawl f’bini bl-aqwa faċilitajiet li jkollu l-elementi ambjentali ideali sabiex tiġi ppriservata l-kollezzjoni nutarili li fil-preżent tinsab ġewwa nru 24, Triq San Kristofru, u l-ħolqien ta’ mużew zgħir u ċentru għall-viżitaturi li juru b’mod ċar il-valur ta’ din il-kollezzjoni prezzjuża sabiex tiżdied il-kuxjenza dwar dan fost il-pubbliku;
 
Il-bdil tal-fond nru 24, Triq San Kristofru f’laboratorju u ċentru ta’ riċerka bl-aqwa faċilitajiet;  
 
Il-twettiq ta’ bidliet fiż-żewġ fondi b’mod li jinħoloq ambjent fejn l-impatt tal-karbon ikun null;​
 
It-twaqqif ta’ ness bla preċedent bejn arkivju storiku, l-Universita ta’ Malta u universitajiet barranin li se jkollu l-mira li jwettaq koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kollha u jappoġġja l-iżvilupp tal-investigazzjoni xjentifika sal-ogħla livelli. L-għan huwa li l-Arkivju jistabbilixxi ruħu fuq quddiem fil-qasam, u jgħaqqad akkademiċi ta’ reputazzjoni għolja speċjalment minn madwar il-Mediterran sabiex jiltaqgħu u jiskambjaw riċerka fl-Arkivju.
 
It-tħejjija ta’ korsijiet akkademiċi qosra fil-livell ta’ qabel l-iggradwar u wara l-iggradwar, internships u placements kemm għal konservaturi aspiranti ta’ volumi u dokumenti kif ukoll għal dawk kwalifikati u wkoll għall-paleografi (dixxiplina li s-sistema edukattiva tagħna fil-preżent ma tkoprihiex imma li għandha tibda tkopriha fid-dawl tal-ammont kbir ta’ wirt ta’ natura dokumentarja fil-Gżejjer tagħna li għad irid jiġi investigat).   
 
L-użu ta’ parti mill-ispazju ġdid li se jinħoloq għal programmi ta’ sensibilizzazzjoni, inklużi lekċers, sabiex titkattar il-kuxjenza fost il-poplu, kif ukoll sabiex jiġi enfasizzat il-proġett ta’ diġitalizzazzjoni.
 
It-twaqqif ta’ kollaborazzjoni/sinerġiji mal-fakultajiet Universitarji (Ambjent Mibni, Xjenza, Inġinerija, Humanities, l-Istitut Internazzjonali għall-Istudji Barokki) fejn l-istudenti, speċjalment dawk li qegħdin isegwu studji fil-livell tal-Master’s fl-qasam tal-Wirt Kulturali, Maniġment u Konservazzjoni (imma mhux biss), u dawk li jkunu qed jagħmlu teżijiet b’xejra ta’ wirt kulturali jew konservazzjoni (billi n-numru ta’ studenti f’dawn il-Fakultajiet li qed jieħdu interess qiegħed dejjem jiżdied) jistgħu jużaw il-post u/jew il-kollezzjoni ta’ volumi għal skopijiet ta’ riċerka (li tista’ tittratta dwar monitoraġġ ambjentali, immaniġġjar, analiżi xjentifika eċċetra);​
 
L-għoti ta’ servizzi speċjalizzati ta’  konservazzjoni ta’ volumi u dokumenti skont l-ogħla livelli internazzjonali, li jwassal għall-ħolqien ta’ ċentru ta’ eċċellenza f’dan il-qasam u jassigura dħul kostanti ta’ xogħol;
 
It-tħajjir ta’ klijenti privati sabiex jużaw is-servizzi, b’mod li l-arkivju jiġi kompletament sostenibbli;
 
It-tħajjir ta’ sponsers privati għal inizzjattivi sabiex il-proġett jattira fondi dedikati għal responsabbilta` soċjali tal-kumpanniji (eż. l-iskema Adopt a Notary/Item).​
 
Il-ħolqien ta’ rabta bla preċedent bejn il-kollezzjoni ta’ manuskritti storiċi u l-Arti fil-forom kollha tagħha.
 
Dawn il-proprjetajiet jinsabu f'punt nodali bejn Triq San Kristofru u Triq San Pawl, viċin Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, f’distanza qasira bil-mixi mill-Ġnien tal-Barrakka t’Isfel u mhux bogħod mill-Palazz tal-Gran Mastru. Iżda fil-preżent din il-parti tal-Belt hija dilapidata, b’ħafna potenzjal li għadu ma ġiex utilizzat. Dan il-proġett se jinkludi r-restawr tal-ġewwieni ta’ dawn il-binjiet kif ukoll tal-faċċati ta’ barra li jagħtu għal fuq Triq San Kristofru u Triq San Pawl. Se jinkludi wkoll it-twaqqif ta’ ċentru tal-viżitaturi bi spazju għall-wirjiet li jirrifletti l-għeruq sinjuri tan-Nazzjon Malti u r-rwol importanti li dawn il-Gżejjer kellhom matul is-sekli. Il-proġett għandu l-potenzjal li jservi bħala ċentru ta’ attivita` kulturali u destinazzjoni ġdida għat-turisti u Maltin li jżuru l-Belt.

Dan il-proġett huwa intiż sabiex isir katalist għar-riġenerazzjoni tal-inħawi u għaldaqstant se jkun jikkontribwixxi għat-titjib ta’ zona urbana degradata u joħloq ness intern bejn il-bini f’numru 217 Triq San Pawl u dak f’numru 24 Triq San Kristofru, biex b’hekk jinħoloq l-ispazju essenzjali sabiex jiżvolġi l-proġett. Apparti milli jiġġenera l-impjiegi matul il-fażi ta’ eżekuzzjoni, l-Arkivju se jipprovdi opportunitajiet ġodda ta’ impjieg.

 
Il-proġett jaqa’ taħt l-għanijiet ta’ V18 billi:

     Tiġi Assigurata s-Sostenibilita`Kulturali permezz tal-Interpretazzjoni mill-Ġdid tal-Edukazzjoni Kulturali – Dan il-proġett se jipprovdi opportunita` sabiex isir investiment fi proġett li huwa minnu nnifsu sostenibbli u għandu l-għan li jsir investiment fi programm ta’ taħriġ professjonali għal dawk kollha impenjati fl-isfera kulturali;​

       Tiġi Inċentivizzata u Sostnuta l-Ekonomija tal-Kultura – Iċ-ċentru mwaqqaf taħt dan il-proġett jista’ jsir il-qofol ta’ attivitajiet għal professjonisti mid-dinja kollha u destinazzjoni ġdida għat-turisti u l-Maltin; b’hekk jikkontribwixxi anki għall-prodott turistiku;.

      Issir Kontribuzzjoni għall-Wirt tal-Belt Ewropea tal-Kultura billi tiġi sostnuta u miġjuba ‘l quddiem l-eċċellenza fil-Monitoraġġ, Konservazzjoni u Riċerka.          


 
Uffiċju tan-Nutara tal-Gvern u Arkivji Nutarili
2/3, 
Triq Mikiel Anton Vassalli 
Valletta, Malta
VLT 1310
 
 
Telefown

Imejl
notarial.archives@gov.mt