Navigate Up
Sign In

Ċentru ġdid tal-Medjazzjoni

Ġie inawgurat Ċentru tal-Medjazzjoni ġdid ġewwa l-Belt Valletta fil-5 ta’ Ġunju 2020 sabiex jassisti liċ-ċittadin li jkun irid isolvi tilwim ċivili, kummerċjali jew industrijali u ma jkunx irid jidħol l-Qorti.
 
Dan iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni ġie stabbilit bl-iskop li jipprovdi forum fejn żewġ partijiet jew aktar jistgħu volontarjament jissottomettu flimkien talba għal medjazzjoni quddiem iċ-Ċentru. Fil-proċess, medjatur jaġixxi bħala terza persuna mparzjali bl-għan li jiffaċilita n-negozjati bejn il-partijiet sabiex jgħinhom isolvu t-tilwim tagħhom billi jilħqu ftehim volontarju u f’waqtu.
 
Dr Mark Attard Montalto, Chairperson taċ-Ċentru, stqarr li matul dawn l-aħħar sentejn iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni kellu riżultati pożittivi hekk kif bosta Maltin u Għawdxin qed jinqdew minn din is-sistema b’ġustizzja, b’inqas dewmien u inqas għalja.
 
Waqt il-ftuħ ta’ dan iċ-Ċentru, il-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u l-Governanza Dr Edward Zammit Lewis ħabbar li dalwaqt ser jiġu pubblikati avviżi legali fejn se jiġi introdott il-proċess tal-medjazzjoni b’mod obbligatorju għal kwistjonijiet li jirrigwardaw ftehim ta' kirjiet li ġew kostitwiti qabel u fil-31 ta’ Mejju 1995. Dan hekk kif s’issa, kull proċess ta’ medjazzjoni huwa fuq bażi volontarja.
 
Wieħed jista’ jagħmel użu mis-sistema tal-medjazzjoni billi jidħol fuq is-sit uffiċjali tal-medjazzjoni f’pajjiżna, jimla l-formola elettronika u jissottometti onlajn. Il-partijiet jirċievu notifika ta’ meta huma mitluba jibdew il-proċess ta’ medjazzjoni.