Navigate Up
Sign In

Il-Ministru

 ONOR. Dr. JONATHAN ATTARD, Ministru għall-Ġustizzja


Dr Jonathan Attard inħatar bħala Ministru għall-Ġustizzja f’Marzu 2022. Il-portafoll tiegħu jinkludi r-responsabbiltà tal-Qrati tal-Ġustizzja, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, Nutar tal-Gvern, Protezzjoni tad-Data u Libertà tal-Informazzjoni.

Qabel il-ħatra tiegħu bħala Ministru, Dr Attard kien jipprattika quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja Maltin. L-oqsma ewlenin tal-prattika legali tiegħu kienu jinkludu l-Liġi Ċivili, il-Liġi Pubblika, il-Liġi tal-Propjetà, il-Liġi tal-Ippjanar u l-Liġi Korporattiva.

Bħala Ministru għall-Ġustizzja l-prijoritajiet tiegħu huma li jimplimenta diversi riformi u jissorvelja l-Amministrazzjoni xierqa tal-Qrati Maltin u t-twassil effettiv tal-Ġustizzja, fi żmien raġonevoli, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi.

Wara appoġġ unanimu mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista u l-Eżekuttiv Nazzjonali, Dr Jonathan Attard ġie co-opted fil-parlament għall-ewwel darba f’Lulju 2021. Imbagħad ikkontesta b’suċċess l-Elezzjonijiet Ġenerali għall-ewwel darba f’Marzu 2022. Matul il-mandat tiegħu bħala Membru Parlamentari taħt l-amministrazzjoni preċedenti, huwa nħatar Kap tad-Delegazzjoni tal-Parlament għall-Kunsill tal-Ewropa, u wara ġie elett Viċi President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Bħala Membru Parlamentari, Dr Attard kien involut ukoll f’diversi kumitati parlamentari fosthom il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.

Qabel il-ħatra tiegħu bħala Ministru, Dr Attard okkupa diversi karigi fis-settur Pubbliku fosthom il-kariga ta’ Koordinatur tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar u sussegwentement serva bħala liaison officer bejn l-istess Ministeru u l-Malta Enterprise.

Dr Jonathan Attard ġie fdat mill-Gvern ta’ Malta b’diversi riformi leġiżlattivi, fosthom l-emendi Kostituzzjonali tal-2018 u liġijiet biex jiddaħħal id-dritt liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvutaw fl-Elezzjonijiet Nazzjonali.

Fil-5 ta’ Ġunju 2018, huwa nħatar bħala membru tal-Kumitat Tekniku għall-Avvanz tad-Demokrazija Rappreżentattiva biex jagħti pariri lill-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Sussegwentement ġie fdat biex jabbozza l-abbozz relattiv biex jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Dr Jonathan Attard ggradwa mill-Università ta’ Malta bħala Baċellerat fil-Liġi fl-2011 u ngħata d-Diploma ta’ Nutar Pubbliku fl-2012. Wara dan, Dr Attard imbagħad ingħata l-grad ta’ Duttur tal-Liġi fl-2014 u issieħeb fil-Kamra tal-Avukati fl-2015. It-teżi tad-Dottorat tiegħu kkontribwiet fil-qasam tal-Liġi Pubblika intitulata ‘Increase Accountability on Members of Parliament’. Fl-2004, huwa kiseb baċellerat fil-Komunikazzjoni u l-Istudji Soċjali mill-Università ta’ Malta.

Dettalji Ta' Kuntatt:


Ministeru Għall-Ġustizzja
Auberge D'Aragon,
Misraħ Indipendenza,
Il-Belt Valletta, VLT 1521
Malta
 
Telefown

Imejl
 
Sit