Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Persuni eliġibbli għandhom dritt jissottomettu talba tal-Libertà
tal-Informazzjoni (FOI) lill-Awtoritajiet Pubbliċi, inkluż dawk li huma mniżżla
taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja.
Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Verżjoni bl-Ingliż)
Att
dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Verżjoni bil-Malti)
Sottomissjoni ta’ Talba /
Ilment
Persuni Eliġibbli:
Biex tkun eliġibbli tissottometti talba tal-FOI, persuna trid tkun
residenti f’Malta u li ilha hekk residenti f’Malta għal perjodu ta’ mhux anqas
minn ħames snin. Trid tkun ukoll ċittadina Maltija jew ta’ stat ieħor membru
tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadina ta’ kull stat ieħor li ċ-ċittadini tiegħu
għandhom dritt, bis-saħħa ta’ trattat bejn dak l-istat u l-Unjoni Ewropea, li
f’Malta jiġu trattati bl-istess mod bħal ċittadini ta’ stati membri tal-Unjoni
Ewropea.
Talbiet tal-FOI u ilmenti għandhom jiġu sottomessi bil-miktub, u jistgħu
jintbagħtu bl-imejl lil foicu@gov.mt jew billi
jintuża l-portal tal-FOI www.foi.gov.mt kemm
bl-e-ID jew permezz tal-formola onlajn.
Informazzjoni li għandha
tingħata
Meta jissottomettu talba tal-FOI, applikanti huma meħtieġa, apparti li
jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt, jagħtu indikazzjoni ta’ x’dokument /
informazzjoni jeħtieġu. Għandhom jindikaw ukoll b’liema format jixtiequ li
jirċievu d-dokument / informazzjoni, jiġifieri jekk hux kopja pprintjata, kopja
elettronika, sommarju / silta tal-kontenut jew billi l-applikant jagħmel
spezzjoni tad-dokument / informazzjoni in kwistjoni. Kopji tal-Karta
tal-Identità jew tal-passaport u/jew dokumentazzjoni oħra, jistgħu jiġu mitluba
mill-Awtorità Pubblika skont il-bżonn, f’każijiet ta’ talbiet relatati
speċifikament ma’ individwi, assi/interessi/dritt tal-aċċess tal-individwi.
Tipi ta’ Talbiet
Wieħed jista’ jitlob għal artiklu miżmum minn Awtorità
Pubblika u li fuqu kienet irreġistrata informazzjoni fi kwalunkwe forma,
inklużi data elettronika, immaġni,
mudelli skont skala u rappreżentazzjonijiet viżwali oħrajn, u
reġistrazzjonijiet awdjo jew vidjow, irrispettivament jekk l-informazzjoni
tistax tinqara, tidher, tinstama’ jew tinġieb lura bl-għajnuna ta’ xi oġġett
jew apparat ieħor jew mingħajr din l-għajnuna. Wieħed jista’ jitlob anke għal dokumentazzjoni
li fiha politiki, prinċipji, regoli jew linji gwida skont id-deċiżjonijiet jew
rakkomandazzjonijiet meħuda skont il-membri tal-pubbliku (inklużi korpi
korporattivi u impjegati tal-awtorità pubblika fil-kapaċità personali tagħhom).
Barra minn hekk, persuni eliġibbli għadhom id-dritt li jitolbu informazzjoni
(bil-miktub) fuq deċiżjoni jew rakkomandazzjoni meħuda fir-rigward tagħhom jew
fir-rigward tal-korpi korporattivi li jkunu qed jirrappreżentaw.
Riċevuti
Talbiet tal-FOI se tintbagħtilhom riċevuta mingħand l-Awtoritajiet
Pubbliċi. Ir-riċevuta se tinkludi numru ta’ referenza uniku u indikazzjoni
tad-data meta se tingħata tweġiba. Ir-riċevuti se jinkludu wkoll informazzjoni
speċifika relatata mal-Awtorità Pubblika, bħal indirizz, numru tat-telefon,
indirizzi elettroniċi, ħinijiet tal-ftuħ u dettalji tal-proċedura interna
tal-ilmenti.
Kontrolli li għandhom
jitwettqu mill-Awtorità Pubblika
Meta l-Awtorità Pubblika tirċievi l-formola tal-applikazzjoni, hija tivverifika
jekk it-talba tikkwalifikax bħala talba tal-FOI u tinforma lill-applikant f’każ
li ma tikkwalifikax. Jekk jirriżulta li aktar informazzjoni / dokumentazzjoni huma
meħtieġa, l-Awtorità Pubblika li lilhom tkun saret it-talba se jikkuntattjaw
lill-applikant u se jagħtu kull assistenza meħtieġa biex it-talba tikkonforma
mad-disposizzjonijiet tal-Att. Minkejja dan, meta tintbagħat talba tal-FOI,
l-applikanti mhumiex meħtieġa jagħtu ġustifikazzjonijiet għaliex għamlu talba
għal dokumentazzjoni / informazzjoni partikolari.
L-Awtorità Pubblika se tivverifika jekk id-dokument / informazzjoni
mitluba humiex miżmuma għandha. Jekk mhumiex għandha, l-Awtorià Pubblika se
tipprova tidentifika l-entità kkonċernata li suppost irċeviet it-talba u se
tittrasferixxiha lilha (waqt li tinforma lill-applikant). Jekk l-ebda entità
alternattiva ma tiġi identifikata (jiġifieri li d-dokument / informazzjoni mhuma
għand l-ebda Awtorità Pubblika) l-applikant se jiġi infurmat.
Ipproċessar tat-talba
Meta jiġi stabbilit li t-talba hija talba tal-FOI u din tkun tista’ tiġi
indirizzata mill-Awtorità Pubblika; tittieħed id-deċiżjoni jekk id-dokument /
informazzjoni jistgħux jingħataw lill-applikant (kollha jew parti minnhom) jew
inkella tistax tiġi rrifjutata. Qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni, l-Awtorità
Pubblika se tikkunsidra jekk waħda mill-eżenzjonijiet elenkati fil-Att tal-FOI
tapplikax. L-Awtorità Pubblika se tissottometti notifikazzjoni jekk it-talba
ġietx milqugħa jew le, fi żmien 20 ġurnata tax-xogħol minn meta waslet għand
l-Awtorità Pubblika. 20 ġurnata tax-xogħol oħra jistgħu jingħataw bħala
estensjoni, li jġibu t-total ta’ massimu ta’ 40 ġurnata tax-xogħol mid-data ta’
meta waslet it-talba oriġinali għand l-Awtorità Pubblika.
Ħlasijiet
Meta tissottometti tweġiba lill-applikant, l-Awtorità Pubblika se
tindika jekk il-ħlasijiet japplikawx. Jekk japplikaw, dawn il-ħlasijiet se
jkopru l-ispejjeż relatati mal-ipproċessar għall-aċċess għad-dokument, jiġifieri
sigħat ta’ pproċessar, spejjeż ta’ fotokopji / faxes u mezzi diġitali u spejjeż relatati ma’ spezzjonijiet.
Minkejja dan, it-total ta’ ħlass applikabbli ma jistgħax jaqbeż l-€40. M’għandhomx jintalbu ħlasijiet addizzjonali biex wieħed jissottometti
applikazzjoni jew ilment.
L-ammonti ta’ ħlas mitluba
huma rregolati bl-Avviż
Legali 158 of 2010.
Azzjoni ta’ Rimedju
Jekk l-applikant ma jkunx sodisfatt bir-risposta li jingħata mingħand l-Awtorità
Pubblika rigward it-talba tiegħu, jista’ jissottometti lment lill-istess
Awtorità Pubblika. Jekk, sussegwentement, l-applikant jibqa’ mhux sodisfatt
bit-tweġiba li jirċievi, jista’ jilmenta mal-Kummissarju tal-Informazzjoni u
l-Protezzjoni tad-Data (IDPC). Jekk
l-applikant jibqa’ mhux sodisfatt bid-deċiżjoni tal-Kummissarju jista’ jappella
għand it-Tribunal tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data u, sussegwentement lill-Qorti tal-Appell. Ilmenti jistgħu jiġu
sottomessi għal dawn ir-raġunijiet:
L-Awtorità Pubblika estendiet bi żmien ta’ massimu ta’ 20 ġurnata
tax-xogħol
L-Awtorità Pubblika imponiet ħlas li ġie kkunsidrat eċċessiv
Il-format tad-dokument huwa differenti minn dak li ntalab fit-talba
oriġinali
It-talba qed tiġi rriffjutata (e.ż. talba mhix meqjusa bħala talba
tal-FOI)
L-Awtorita Pubblika mhix tirrispetta d-data sa meta għandha tingħata tweġiba, jiġifieri fi żmien 20 ġurnata tax-xogħol (jew, jekk applikabbli,
id-data indikata fuq in-notifikazzjoni ta’ estensjoni).
Applikanti jistgħu
jissottomettu ilment permezz tal-websajt tal-IDPC billi jidħlu hawn.
Tirċievi dokumentazzjoni /
informazzjoni
Kull meta Awtorità Pubblika tikkomunika deċiżjoni lill-applikant li aċċess
tad-dokument / informazzjoni se jingħata, l-applikant (jekk applikabbli) se
jkun ukoll mitlub biex iħallas. Fi żmien 10 ġranet tax-xogħol wara li jsir
il-ħlas, l-Awtorità Pubblika se tipprovdi d-dokument / informazzjoni fl-istess
format li l-applikant oriġinarjment talbu jew, jekk dan mhux possibbli,
fil-format li l-Awtorità Pubblika tqies li hu xieraq. Applikanti li
jissottomettu talbiet permezz tal-portal tal-FOI (www.foi.gov.mt) jistgħu jingħataw il-possibbiltà
li jniżżlu d-dokument / informazzjoni direttament minn fuq is-sit.
Jekk l-ebda ħlas mhu se jintalab, id-dokument / informazzjoni se jiġu
mogħtija fi żmien 10 ġranet tax-xogħol minn meta toħroġ in-notifikazzjoni.
It-talba se tkun ikkunsidrata abbandunata mingħand l-applikant jekk il-ħlas
dovut ma jitħallasx fi żmien 20 ġurnata tax-xogħol minn meta toħroġ
in-notifikazzjoni.
Awtoritajiet Pubbliċi taħt il-Ministeru:
Ministeru għall-Ġustizzja
Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti
Ċentru Malti tal-Arbitraġġ
Uffiċċju tan-Nutara tal-Gvern u l-Arkivji Nutarili
Informazzjoni mogħtija skont Artiklu 17 tal-Att dwar il-Libertà
tal-Informazzjoni tista’ tiġi aċċessata permezz tal-links li hawn, hawn fuq jew billi tikkuntattja lill-Uffiċjal
Prinċipali tal-Libertà tal-Informazzjoni, Ministeru għall-Ġustizzja, Auberge D'Aragon, Misraħ Indipendenza, Il-Belt Valletta, VLT 1521.