Persuna li qed titlob l-għajnuna legali għal vjolenza domestika hija eliġibli għas-servizz tal-għajnuna legali kif stipulat b’artikolu 57 tal-iskeda annessa fil-Kapitolu 581 tal-Liġijiet ta’ Malta. Huwa rrakkomandat li persuna li tgħaddi mit-trawma ta’ vjolenza domestika tagħmel rapport lill-Pulizija sabiex jaġixxu u jekk inhu neċessarju tfittex attenzjoni medika. Il-vittma ta’ vjolenza domestika tista’ titlob appuntament mal-avukat tal-għajnuna legali residenti permezz tal-
emajl jew it-telefown.
Vjolenza domestika waqt proċeduri ta’ separazzjoni personali
Meta persuna, li għandha proċedura ta’ separazzjoni personali quddiem is-sezzjoni xierqa tal-Qorti Ċivili, tippreżenta rikors dwar vjolenza domestika, il-Qorti għandha tappunta r-rikors fi żmien erbat ijiem u tista’ b’inizjattiva tagħha stess, qabel jew wara li tisma’ l-partijiet, toħroġ ordni ta’ protezzjoni jew trattament.