Navigate Up
Sign In

Id-Definizzjoni tal-Għajnuna Legali

X’inhi l-Għajnuna Legali?

L-għajnuna legali hija l-provvista tal-assistenza legali lin-nies bi dħul baxx, li ma jistawx iħallsu sabiex ikunu rappreżentati u jkollhom aċċess għas-sistema ġudizzjarja. L-għajnuna legali hija mportanti sabiex tipprovdi aċċess għall-ġustizzja sabiex tassigura l-ugwaljanza quddiem il-liġi, d-dritt għall-avukat u d-dritt ta’ smiegħ xieraq tan-nies foqra. Huwa fundamentali li jkun hemm ugwaljanza f’soċjeta demokratika. 


It-test tal-mezzi u tal-merti fi kwistjonijiet ċivili

Test tal-mezzi: Sabiex applikant jikkwalifika mill-kriterji tal-mezzi, ma jridx ikollha kull xorta ta’ propjeta, inkluż flus disponibbli, li l-valur nett tagħhom jaċċedi €6,988.12 tul l-aħħar tnax-il xahar. Barra minn dan, id-dħul tal-applikant fl-aħħar tnax-il xahar mit-talba għall-għajnuna legali ma tistax taċċedi l-paga minima nazzjonali ta’ persuni ‘l fuq minn 18-il sena.
Fit-test tal-mezzi ma jiġux ikkunsidrati l-oġġetti bżonjużi kuljum fid-dar mill-applikant u l-familjari, u kif ukoll ir-residenza prinċipali tal-applikant jew propjeta’ (kemm mobbli jew immobbli) li jifformaw is-suġġett tal-proċeduri fil-Qorti. 
 
Test tal-mertu: Sabiex l-applikant jikkwalifika mill-kriterji tal-mertu, l-Avukat tal-Għajnuna legali wara li jeżamina n-natura tal-każ għandu jikkonkludi jekk l-applikant għandux jedd tajjeb biex iħarrek jew jiddefendi ruħ, jew li jkompli jew ikun parti fi proċedimenti quddeim il-Qorti, iġifieri li l-applikant għandu probabilis causa litiganti. Kull każ huwa eżaminat fuq il-merti tiegħu. L-evalwazzjoni tal-mertu ssir mill-Avukat għall-Għajnuna Legali li tinkludi eżami dwar il-każ, il-possibilita’ dwar ir-riżultat tal-proċeduri, u l-prospett ta’ suċċess. 


It-test tal-mezzi u tal-merti fi kwistjonijiet kriminali

Fi każijiet kriminali, ma jsirx it-test tal-mezzi u l-merti.


Xi tkopri l-għajnuna legali?

F’kawżi Ċivili, l-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż relatati mad-drittijiet tar-reġistru tal-qorti u d-drittijiet tal-avukati sakemm il-każ jiġi eżawriet. Legal Aid Malta ma tkopriex l-ispejjeż relatati mar-rapporti tal-esperti tal-qorti. Matul il-proċeduri tal-qorti, ebda avukat tal-għajnuna legali ma jista’ jitlob ħlas għas-servizzi li jipprovdi sakemm jiġu eżawriti l-proċeduri tal-qorti u jekk persuna bl-għajnuna legali ‘tirbaħ il-kawża, hija għandha, milli tieħu jew milli ddaħħal mill-prezz li jġibu fl-irkant il-ħwejjeġ mobbli jew immobbli mibjugħin b’esekuzzjoni tas-sentenza, tħallas id-drittijiet tar-reġistru, tal-avukat, tal-prokuratur legali, u, meta jkun hemm, tal-kuraturi u tal-periti, bla ħsara tal-jedd li teħodhom lura mingħand il-parti li tkun ġiet ikkundannata għall-ħlas ta’ dawk id-drittijiet’ (Art. 921 tal-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta). 
 
F’kawżi Kriminali, l-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha relatati mad-drittijiet tar-reġistru tal-qorti, id-drittijiet tal-avukat u tal-esperti tal-qorti sakemm tingħata s-sentenza. Il-Qorti fis-sentenza tista’ tordna li l-persuna assistita bl-għajnuna legali tħallas id-drittijiet kollha relatati mal-każ. 


Id-deċiżjoni tal-Għajnuna Legali

F’kawżi Ċivili, id-deċiżjoni sabiex jiġi pproċessat rikors fil-Qorti, hija bbażata fuq it-test tal-mezzi u t-test tal-mertu. Klijent li jitlob l-għajnuna legali jrid jissodisfa ż-żewġ kriterji sabiex ikun jista’ jiġi ppreżentat rikors lill-Qorti. Persuna li ma tgħaddix mit-test tal-mezzi ma tingħatalix appuntament mal-Avukat tal-Għajnuna Legali. Ukoll, jekk persuna tgħaddi mit-test tal-mezzi iżda ma jkollix jedd tajjeb biex tħarrek jew tiddefendi ruħha, jew li tkompli jew tkun parti fi proċedimenti quddeim il-Qorti, l-applikazzjoni għall-benefiċju tal-għajnuna legali ma tiġix ipproċessata. Persuna li tgħaddi miż-żewġ kriterji jkollha tieħu ġurament fuq il-formola tal-applikazzjoni. 
 
F’kawżi Kriminali, l-persuni kollha huma eliġibbli u t-test tal-mezzi mhux rikjest mill-liġi. It-talba għall-għajnuna legali tista’ ssir lill-Qorti li tkun qed tippresjedi l-każ jew verbalment lill-Avukat tal-Għajnuna Legali.


Appell mid-deċiżjoni tal-għajnuna legali

F’kawżi Ċivili, jekk persuna tiġi rifjutata milli tingħata l-benefiċju tal-għajnuna legali, d-deċiżjoni tista’ tiġi riveduta mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili (Art. 917 tal-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta). 
 
F’kawżi Kriminali,, peres li l-persuni kollha huma eligibbli għall-benefiċju ma hemmx lok għall-appell għar-rifjut tal-benefiċju tal-għajnuna legali. ​​
​​​​​​​​​​​​​​​​