Linji gwida għall-uffiċjali li jirċievu rapporti interni, hekk imsejjaħ uffiċjal li jirrapporta dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta (WRO)
Dawn il-linji gwida japplikaw għat-taqsimiet u uffiċjali li jirċievu rapporti interni kemm mis-settur pubbliku u anke mis-settur privat.
X’inhu l-irwol tad-WRO?
Id-WRO maħtur huwa individwu imparzjali jew dipartiment kompetenti li jinvestiga r-rapporti li jsiru mill-informatur (il-persuni li qed jirrapportaw) dwar prattiċi mhux xierqa jew ksur tal-liġi. Id-WRO jikkomunika mal-informatur u fejn hemm bżonn, jitlob aktar informazzjoni u jipprovdi risposta lill-persuna li qed tirrapporta.
Id-WRO ma jistax iwettaq investigazzjoni għaliex dan jista’ jwassal biex tinkixef l-identità tal-informatur. Barra minn hekk, minħabba li d-WRO jkun jaf l-identità tal-informatur jaf jidħol element ta’ preġudizzju waqt li tkun għaddejja l-investigazzjoni.
Suġġett għan-natura tal-att ta’ ħsara li jkun sar, id-WRO għandu jieħu parir, anke dak legali jekk huwa neċessarju, u jinforma lill-Kap tad-Dipartiment/organizzazzjoni mingħajr ma jikxef l-identità tal-individwu li qed jagħmel ir-rapport.
X'Inhi l-protezzjoni?
Fil-kuntest ta’ din il-leġislazzjoni, il-protezzjoni li tingħata lill-informatur hija l-kunfidenzjalità u l-anonimità tal-identità tal-persuna li qed tagħmel ir-rapport, u ta’ persuni oħrajn li jistgħu kienu qed jgħinuhom (il-faċilitaturi).
Protezzjoni f’forma ta’ kunfidenzjalità u anonimità stretta hija kruċjali. Kemm l-Att kurrenti u anke id-direttiva jipprojbixxu l-iżvelar tal-identità tal-informatur. Għalhekk, l-ebda informazzjoni li tidentifika l-informatur ma għandha tiġi żvelata “sakemm l-informatur b’mod esperess ma jagħtix il-kunsens tiegħu bil-miktub sabiex tiġi żvelata l-informazzjoni.”
Min jista’ jikseb status ta’ informatur?
L-informatur huwa persuna li taħdem fi ħdan is-settur privat jew pubbliku li, f’kuntest li għandu x’jaqsam max-xogħol, kisbet informazzjoni rigward ksur ta’ liġi u li, fin-nuqqas ta’ regoli speċjali li jipproteġuha, hemm ċans kbir li se taffaċċja ritaljazzjoni jekk tirrapporta. Dan japplika għall-impjegati kurrenti, kif ukoll dawk li telqu mill-pożizzjoni li kellhom jew għadhom ma bdewx fiha. Dawn jinkludu:
Impjegati ta' kull tip, jinkludu wkoll uffiċjali pubbliċi
Self-employed
Azzjonisti u nies oħrajn li jaħdmu fis-settur amministrattiv jew superviżorju, li jinkludu membri mhux eżekuttivi, voluntiera, u apprendisti mħallsa/mhux imħallsa
Kull persuna li taħdem taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni ta’ kuntratturi, sottokuntratturi u fornituri
Min hu l-faċilitatur?
Faċilitatur huwa persuna li tagħti għajnuna lill-informatur meta dan jirrapporta att ta’ ksur ta’ liġi jew huwa persuna li għandha konnessjoni mal-informatur, u għalhekk hemm ċans li ssir vittma ta’ ritaljazzjoni fil-kuntest tal-impjieg tiegħu. Dan jinkludi terzi persuni li għandhom x’jaqsmu mal-entitajiet legali u tar-rappurtatur b’rabta mal-informatur; dejjem fil-kuntest tal-impjieg.
Kif isiru rapporti interni?
Rapporti interni jistgħu jsiru:
permezz ta' laqgħat fiżiċi
bil-miktub (tinkludi kaxxi tal-ilmenti)
verbalment, minn linja tat-telefown jew sistemi oħrajn tal-vuċi
pjattaforma online (internet jew intranet)
Konferma tal-irċevuta għandha tingħata fi żmien ta’ 7 ijiem u l-informatur għandu jingħata risposta rigward ir-rapport fi żmien 3 xhur minn meta jirċievi l-konferma tal-irċevuta.
Huwa importanti li wieħed jinnota li r-rapporti interni li jaslu bl-email jistgħu jkunu ġejjin biss mill-indirizz elettroniku ġeneriku li huwa ristrett għal każijiet ta’ informaturi. Dawn il-kontijiet tal-email għandhom jiġu aċċessati biss mid-WRO u għandhom ikunu mmonitorjati regolarment. Minħabba ksur ta’ kunfidenzjalità, kontijiet ġeneriċi oħrajn tal-email (bħal dominji tal-customer care) m’għandhomx jintużaw biex isiru rapporti ta’ informaturi.