L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa stabbilit skond il-Kostituzzjoni, fejn l-Avukat Ġenerali jinħatar mill-President ta' Malta fuq il-parir tal-Prim Ministru. Persuna hija eliġibbli għall-din il-kariga bħala Avukat Ġenerali jekk tkun ikkwalifikata għall-ħatra ta' mħallef tal-Qrati Superjuri skond il-Kostituzzjoni.
Fil-poteri tiegħu li jibda, iwettaq jew iwaqqaf il-proċeduri kriminali kif mogħtija lilu minn kwalunkwe liġi li tawtorizzah jeżerċita dik is-setgħa ta' ġudizzju individwali tiegħu, l-Avukat Ġenerali mhuwiex suġġett għad-direzzjoni jew kontroll ta' kwalunkwe persuna jew awtorità oħra.
L-Avukat Ġenerali jirtira mill-kariga tiegħu meta jkollu l-età ta' ħamsa u sittin (65) sena, u bħal kull imħallef tal-Qrati Superjuri, l-Avukat Ġenerali ma jistax jitneħħa mill-kariga tiegħu ħlief mill-President ta' Malta fuq riżoluzzjoni tal-Kamra tad-Deputati. Il-mozzjoni għal riżoluzzjoni bħal din għandha tikseb b'mhux inqas minn żewġ terzi tal-voti tal-membri kollha tal-Parlament. Talba għal din it-tneħħija għandha tkun ibbażata bi provi fuq bażi ta’ inkapaċità li jitwettqu il-funzjonijiet ta’ l-uffiċċju (kemm minħabba saħħa fiżika jew mentalment jew minn xi kawża oħra) jew mġiba ħażina bi provi.
L-Uffiċċju huwa wkoll irregolat mill-Ordinanza Ġenerali tal-Avukati (Kapitolu 90 tal-Liġijiet ta’ Malta) u huwa prinċipalment maqsum f’żewġ unitajiet li jittrattaw kwistjonijiet ta’ liġi Ċivili, Amministrattiva u Kostituzzjonali u kwistjonijiet ta’ liġi kriminali u prosekuzzjoni rispettivament. Kull waħda mill-imsemmija unitajiet hija mmexxija minn Assistent Avukat Ġenerali u tieħu ħsieb ukoll kwistjonijiet tal-Liġi tal-Unjoni Ewropea u tal-Assistenza Legali Reċiproka ma' pajjiżi oħra fil-qasam rispettiv tal-unità. Uħud mill-avukati fi ħdan Unitajiet tal-Liġi Ċivili, Amministrattiva u Kostituzzjonali huma speċjalizzati fil-Liġi tal-Unjoni Ewropea u jappoġġjaw l-Uffiċċju b'mod ġenerali dwar is-suġġett.
L-uffiċjali tal-liġi li jservu fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jaħdmu għall-Gvern fil-Qrati Superjuri fil-ġurisdizzjoni ċivili u kostituzzjonali tagħhom (l-Ewwel Awla tal-Qorti Ċivili, il-Qorti ta’ l-Appell u l-Qorti Kostituzzjonali), quddiem il-Qrati Inferjuri (il-Qorti tal-Maġistrati) u quddiem tribunali stabbiliti bil-liġi u fi proċeduri ta' arbitraġġ. L-uffiċjali tal-liġi jagħtu pariri lill-Gvern dwar il-kwistjonijiet legali kollha, ifasslu u jeżaminaw dokumenti u ftehim legali u jagħtu istruzzjonijiet lill-uffiċjali tal-gvern dwar kwistjonijiet, li jinvolvu l-interpretazzjoni ta' kwistjonijiet jew prinċipji legali.
Għadd ta' uffiċjali tal-liġi jattendu laqgħat regolari ta' Kumitati speċjalizzati u gruppi fi ħdan l-istrutturi legali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali.
L-Avukat Ġenerali huwa wkoll il-Prosekutur Pubbliku quddiem il-Qorti Kriminali u l-Qorti tal-Appell Kriminali. Ċerti prosekuzzjonijiet jeħtieġu l-kunsens minn qabel tal-Avukat Ġenerali sabiex ikunu jistaw jinbeda mill-Pulizija.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa wkoll membru tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Prosekuturi u jipparteċipa fil-ħidma tal-Eurojust u netwerks oħra ta' prosekuturi.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jaġixxi wkoll bħala l-awtorità kompetenti għall-ipproċessar ta' talbiet għal assistenza reċiproka f'materji kriminali kif ukoll l-awtorità kompetenti għas-servizz ta' dokumenti f'materji ċivili u kummerċjali u għat-teħid ta' xhieda f'materji ċivili.
Hija wkoll il-funzjoni tal-Avukat Ġenerali li jagħti pariri lill-Gvern dwar leġislazzjonijiet proposti, biex jifforma l-Abbozzi neċessarji, u li jattendi s-seduti tal-Kamra tad-Deputati dwar dawn l-Abbozzi sabiex jagħti pariri lill-Ministri kkonċernati u jabbozza kwalunkwe emenda li jistgħu jitqiesu neċessarji b’mod partikolari fil-Istadju tal-Kumitat Parlamentari. Fid-dawl tal-edizzjoni bilingwi tal-liġijiet legali kollha, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa wkoll responsabbli għat-traduzzjoni tal-liġijiet, funzjoni li jwettaq permezz tal-Unità tal-Leġiżlazzjoni tagħha.
L-Unità tal-Leġiżlazzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali hija wkoll responsabbli biex iżżomm il-websajt tal-Liġijiet ta' Malta (
justiceservices.gov.mt) aġġornata.
L-Avukat Ġenerali jaġixxi wkoll bħala Aġent tal-Gvern quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
L-uffiċjali tal-liġi tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huma obbligati wkoll isegwu Kodiċi ta’ Etika għall-Avukati u l-Prosekuturi Legali speċifiċi għall-Uffiċċju u ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern apparti mill-Kodi ta’ Etika li jirregolaw il-professjoni legali u s-servizz pubbliku in ġenerali.
L-Avukat Ġenerali: Dr. Peter Grech LL.D
Links
Eurojust