Navigate Up
Sign In

Mistoqsijiet Komuni

L-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Kap. 496) huwa l-liġi li tagħti aċċess lil dokumenti miżmuma mill-awtorità pubblika. Din il-liġi tagħti ‘dritt ta’ a​ċċess’ lil persuni eliġibbli, iżżid it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-aċċessibbiltà.

Hemm differenza sostanzjali bejn talba tal-FOIA u PQ. Apparti li PQ tiġi mressqa minn membru Parlamentari, il-PQ tista’ teħtieġ kompilazzjoni ta’ informazzjoni. Madankollu l-FOIA speċifikament tirreferi għall-“dokumenti miżmuma għand. Dan ifisser li t-talba tal-FOI għandha tirreferi għal dokument li jeżisti, jew, l-awtorità pubblika għandha tidentifika dokument li għalih l-informazzjoni mitluba tkun qed tirreferi. Għal din ir-raġuni l-awtorità pubblika m’għandhiex obbligu li tikkompila informazzjoni imma sempliċiment tipprovdi aċċess għal dokument. Madankollu, m’hemm xejn li jimpedixxi lill-awtorità pubblika milli tikkompila informazzjoni.

Minbarra hekk, awtoritajiet pubbliċi huma marbuta bid-dmir li jirrispondu għal “talba waħda”, u jistgħu jitolbu li t-talba tiġi definita mill-ġdid jekk qed tirreferi għal numru ta’ dokumenti differenti li mhumiex relatati.

Talba waħda tirreferi għal talba ta’ dokument wieħed jew talba għal informazzjoni speċifika jew relatata mill-qrib. L-awtorità pubblika tista’ titlob ħlas għall-ipproċessar u ħlas addizzjonali għal kull talba. Irreferi għal “Kemm irrid inħallas biex nagħmel talba tal-FOI?”

L-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (FOIA) jistqarr li l-‘awtorità pubblika’ tfisser il-Gvern, inklużi kwalunkwe ministeru jew dipartiment, Aġenziji governattivi, kif ukoll kull entità stabbilità taħt il-liġi li fiha l-Gvern ta’ Malta għandu interess li jikkontrolla jew li fuqha huwa għandu kontroll effettiv. Wieħed jista’ jagħmel talba taħt l-FOIA, lil dawn l-awtoritajiet pubbliċi. Lista kompluta tal-awtoritajiet pubbliċi organizzata minn kull Ministeru tista’ tinstab fuq il-websajt taħt “Lista ta’ Kuntatt tal-FOI”. Awtoritajiet Pubbliċi li ma jaqgħux taħt il-kontroll Ministerjali wkoll huma mniżżla.

Madankollu, l-FOIA ma japplikax għal dokumenti miżmuma minn Kunsilli Lokali, Kummissjoni Elettorali, Kummissjoni tal-Impjiegi, Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, is-Servizz tas-Sigurtà, l-Ombudsman u għal ċerti dokumenti miżmuma mill-Awtorità tax-Xandir.

Kull persuna residenti f’Malta jew li ilha hekk residenti f’Malta għal perjodu ta’ mhux anqas minn ħames snin, u li hija ċittadin jew ta’ Malta jew ta’ stat ieħor membru tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadin ta’ kull stat ieħor li ċ-ċittadini tiegħu għandhom dritt, bis-saħħa ta’ trattat bejn dak l-istat u l-Unjoni Ewropea, li f’Malta jiġu trattati bl-istess mod bħal ċittadini ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea hija eliġibbli li tagħmel talba taħt l-Att dwar l-FOI.

Applikant/a j/tista’ j/ssaqsi għal kull tip ta’ dokument li fuqu l-informazzjoni tkun ġiet irreġistrata, fi kwalunkwe forma u irrispettivament jekk l-informazzjoni tistax tinqara, tidher, tinstema’ jew tinkiseb bl-għajnuna ta’ xi oġġett jew apparat ieħor. Madankollu numru ta’ eżenzjonijiet japplikaw (Parti V u VI tal-Att), pereżempju fir-rigward ta’ dokumenti li jaffettwaw is-sigurtà nazzjonali, relazzjonijiet internazzjonali u infurzar tal-liġi.

Kull dokument relatat mal-Kabinett huwa eżenti milli jiġi żvelat taħt l-FOIA. Madankollu, il-Prim Ministru jista’ jidentifika ċertu dokumenti tal-Kabinett li għandhom 30 sena jew aktar, sabiex dawn id-dokumenti jkunu suġġetti ta’ żvelar.

Eżenzjoni oħra tinkludi żvelar ta’ dokument tal-Kabinett li fih informazzjoni purament fattwali dwar kwistjonijiet u deċiżjonijiet li ġew ippubblikati.

Talba biex taċċessa dokument jew informazzjoni taħt l-Att dwar l-FOI tista’ tiġi sottomessa permezz tal-eID fuq il-Portal tal-FOI (http://www.foi.gov.mt/). Talba onlajn issa tista’ ssir ukoll mingħajr il-ħtieġa li applikanti jkunu reġistrati bl-e-ID.

Kif diġà spjegat f’Artiklu 2 tal-FOIA, talbiet tal-FOI huma kkunsidrati validi jekk huma sottomessi minn applikanti eliġibbli. (Irreferi għal “Min jista’ jagħmel talba?” fuq). Għal din ir-raġuni li applikanti huma mitluba li jagħmlu referenza għall-Karta tal-Identità jew għall-Karta tar-Residenza ma’ kull talba li jissottomettu. Sabiex talba tiġi kkunsidrata bħala valida trid tkun tissodisfa ċertu rekwiżiti pprovduti f’Artiklu 6 tal-FOIA, jiġifieri t-talba għandha tkun magħmula lill-awtorità pubblika, għandha tinkludi deskrizzjoni tad-dokument mitlub, id-dettalji ta’ kuntatt tal-applikant/a u l-mod u l-forma ta’ kif wieħed jixtieq jirċievi d-dokument. Sabiex jiġu żgurati li d-dettalji jiġu pprovduti, membri tal-pubbliku huma mħeġġa jużaw il-formuli preskritti li huma disponibbli fuq din il-websajt.

Jekk hemm xi dettal nieqes, l-awtorità pubblika għandha d-dmir li tikkuntattja l-applikant/a biex tagħmel il-kjarifiki u l-korrezzjonijiet neċessarji. Proċessar ta’ talbiet jistgħu jibdew biss eżatt wara li jiġu sodisfatti dawn ir-rekwiżiti.

Wara li t-talba tiġi sottomessa, l-Uffiċjal tal-FOI tal-awtorità pubblika kkonċernata tirrevedi t-talba tiegħek u mbagħad l-awtorità pubblika tiddeċiedi dwar jekk tagħtix aċċess jew le għad-dokument mitlub, skont id-disposizzjonijiet tal-Att.

Awtorità Pubblika hija marbuta bl-Att dwar l-FOI biex tieħu deċiżjoni fuq it-talba tiegħek u tinformak fi żmien 20 ġurnata tax-xogħol mill-ġurnata tas-sottomissjoni. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet meta hu neċessarju li ż-żmien stipulat jiġi estiż, bħal meta talba hi għal numru kbir ta’ dokumenti jew teħtieġ tfittxija ġo għadd kbir ta’ dokumenti jew meta konsultazzjonijiet ma’ terzi partijiet hi meħtieġa biex it-talba tiġi deċiża. L-estensjoni għandha tkun sa perjodu massimu ta’ 40 ġurnata tax-xogħol minn meta t-talba oriġinali ġiet riċevuta, u dan irrispettivament jekk, fi żmien l-20 ġurnata tax-xogħol, l-awtorità infurmatx l-applikant/a tal-ħtieġa tal-estensjoni. Se tkun infurmat/a mill-Awtorità Pubblika dwar l-estensjoni ta’ 20 ġurnata tax-xogħol meta tissottomessi t-talba, ir-raġuni għaliex, u meta t-talba tiegħek se tiġi mwieġba. Se tkun mgħarraf ukoll dwar id-dritt tiegħek li tilmeta.

Le. M’għandekx għalfejn tipprovdi raġuni għat-talba tiegħek. L-Awtorità Pubblika m’għandhiex id-dritt li ssaqsi dwar ir-raġuni għat-talba tiegħek.

Lista sħiħa tal-Awtoritajiet Pubbliċi u ta’ persuni ta’ kuntatt li lilhom tista’ tissottometti t-talba tiegħek tista’ taraha billi tagħfas hawn.

Tissottometti talba taħt l-Att dwar l-FOI hija bla ħlas. Madankollu, jekk tiġi infurmat/a li d-dokument jew informazzjoni li tlabt jista’ jiġi pprovdut, inti għandek tiġi wkoll infurmat/a bil-ħlas li jista’ jiġi applikat. L-ammonti ta’ ħlas mitluba huma rregolati bl-Avviż Legali 158 tal-2010 (Regolamenti dwar Ħlas mitluba mill-Awtoritajiet għall-aċċess ta’ dokumenti, 2010) u l-ammont massimu li jista’ jintalab għal talba waħda tal-FOI huwa €40.

La darba tkun infurmat/a bil-ħlas fir-rigward tad-dokument mitlub, int għandek 20 ġurnata tax-xogħol biex tħallas jew inkella t-talba tiegħek tiġi kkunsidrata bħala abbandunata. Jekk l-ebda ħlas mhu mitlub l-awtorità pubblika għandha l-obbligu li tipprovdi d-dokument fi żmien 10 ġranet tax-xogħol mid-data ta’ meta ġiet ikkomunikata d-deċiżjoni lilek fir-rigward tad-dokument.

L-Awtorità Pubblika se tagħtik id-dokument mitlub fi żmien 10 ġranet tax-xogħol minn meta ħallast il-ħlas dovut. Jekk m’hemmx ħlas dovut l-awtorità pubblika għandha l-obligu li tagħti d-dokument fi żmien 10 ġranet tax-xogħol mid-data meta ġiet kkomunikata lilek id-deċiżjoni rigward id-dokument.

Meta awtorità pubblika tikkomunika d-deċiżjoni tagħha fuq it-talba tiegħek hija tispjega jekk it-talba tkunx aċċettata (kollha), jiġifieri skont it-termini kollha li ġew speċifikati fit-talba tiegħek, jew aċċettata parzjalment, jiġifieri dokument provdut bi tħassir ta’ materjal eżentat JEW f’format differenti minn dak mitlub minnek, jew tista’ tiġi rrifjutata, jiġifieri aċċess għad-dokument ma jingħatax.

Jekk m’intix kompletament sodisfatt/a bil-mod kif it-talba tiegħek ġiet ittrattata, inti tista’ primarjament tilmenta mal-Awtorità Pubblika permezz tal-proċedura interna tal-ilmenti, fejn tiġi mwieġeb fi żmien għaxar (10) ġranet tax-xogħol. Inti għandek tissottometti l-ilment tiegħek lill-Awtorità Pubblika sa mhux aktar tard minn tletin (30) ġurnata mid-data tal-aħħar komunikazzjoni mill-Awtorità Pubblika jew l-att jew ommissjoni li tat lok għall-ilment, skont liema hi l-aħħar data.​

L-ilmenti jistgħu jiġu sottomessi meta: 
  • ma tirċivix notifika mingħand l-awtorità pubblika,
  • l-awtorità pubblika estendiet bi żmien ta' 20 ġurnata tax-xogħol, 
  • t-talba tiegħek ġiet irriffjutata,
  • 4. il-format tad-dokument li se jiġi pprovdut huwa differenti minn dak li tlabt fit-talba orġinali (dan jinkludi l-proviżjoni ta’ dokument li għandu materjal imħassar, jew il-proviżjoni ta’ dokument differenti minn dak mitlub), jew 
  • 5. inti tikkunsidra li l-ħlas dovut huwa eċċessiv.
 
Jekk tkun għadek m’intix sodisfatt bid-deċiżjoni tal-Awtorità Pubblika, inti tista’ tieħu l-ilment tiegħek għand il-Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, kif ipprovdut f’Artiklu 23 tal-Att dwar l-FOI. Ilmenti jew talbiet għal investigazzjoni jew reviżjoni indirizzati lill-Kummissarju għandhom jiġu ppreżentati fi żmien massimu ta’ sittin (60) ġurnata mill-wasla tal-komunikazzjoni finali mill-Awtorità Pubblika kkonċernata. Il-Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data jinvestiga l-ilment tiegħek skont id-disposizzjonijiet ta’ Parti IV tal-Att dwar l-FOI, iżda, sakemm tittieħed tali deċiżjoni, l-ebda azzjoni ulterjuri ma tieħu l-Awtorità Pubblika.​

Huwa importanti ħafna li meta tikkomunika mal-Awtorità Pubblika jew il-Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data dejjem tikkwota n-numru ta’ referenza mogħti lit-talba tiegħek. In-numru ta’ referenza huwa n-numru kkwotat fuq il-Formola ta’ Konferma mibgħuta lilek meta ssottomettejt it-talba tiegħek.

Jekk applikant/a mhux/mhix sodisfatt/a bir-riżultat tad-deċiżjoni kkomunikata mingħand il-Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (IDPC), hu/hi j/tista’ j/tagħmel appell lit-Tribunal tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni u tad-Data fi żmien tletin (30) ġurnata minn meta j/tirċievi din il-komunikazzjoni. Eżatt wara li l-IDPC jiddeċiedi fuq l-ilment, avviż ta’ deċiżjoni joħroġ kemm lill-applikant/a u kif ukoll lill-awtorità pubblika. Ta’ min jinnota li l-awtorità pubblika tista’ anke tirrikorri għal dan il-mekkaniżmu tal-appell. Minbarra hekk, kif iddikjarat f’Artiklu 40 tal-FOIA, deċiżjonijiet tat-Tribunal huma suġġetti għal appell lill-Qorti tal-Appell kif jidher f’Artiklu 51 fl-Att tal-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data. Irreferi għas-sezzjoni Dwarna biex tara d-dettalji ta' kuntatt dwar it-Tribunal tal-Appelli dwar l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data.

Bħala regola ġenerali, informazzjoni personali hija ttrattata taħt ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679. Data personali infatti mhijiex koperta fl-Att dwar l-FOI, skont id-disposizzjonijiet tal-Art. 5(3)(a). Inti tista’ imma titlob informazzjoni fuq id-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni magħmula fuqek skont id-disposizzjoni tal-Artiklu 20 tal-Att.

Eżatt malli awtorità pubblika tirċievi talba, hija tikkonsidra jekk għandhiex l-informazzjoni neċessarja biex il-proċess ikun jista’ jibda. Jekk le, l-Uffiċjal tal-FOI jagħmel kuntatt biex isiru l-kjarifikazzjonijiet neċessarji. Eżatt malli dan jiġi kkjarifikat, l-uffiċjal ta-FOI jilloggja t-talba fuq is-sistema tal-IT tal-FOI. Minn hemm, kull notifikazzjoni u informazzjoni jiġu kkomunikati permezz ta’ din is-sistema. Jekk tissottometti talba permezz tal-websajt fis-sezzjoni tal-e-ID (dawk biss li għandhom e-ID jistgħu jabbonaw għal dan is-servizz), it-talba tiġi immedjatament fis-sistema tal-IT tal-uffiċjal tal-FOI. Għal istruzzjonijiet ta’ kif tagħmel talba permezz tal-e-ID, jekk jogħġbok ikkonsulta “Linji Gwida għal persuni li jużaw l-e-ID” li jinsab f’din il-websajt.​​​